Kull sena d-dinja tgħaddi minn ġo xmara ta’ materjal li jidħol fl-atmosfera u jinħaraq. Meta jiġri hekk, naraw il-kwiekeb feġġejja.
Normalment dan il-fenomenu jkun jidher l-aħjar wara nofsillejl. Biex wieħed josservah tajjeb għandu jfittex post kemm jista’ jkun ’il bogħod mid-dawl artifiċjali u li l-parti tas-sema fil-Grigal tkun tidher tajjeb. Minħabba li din is-sena l-qamar mhux se jtellef bid-dawl tiegħu, huwa mistemmi li fil-massimu wieħed jara bejn 40 u 60 kewkba feġġejja, dejjem jekk it-temp ikun jippermetti.
L-Għaqda Maltija tal-Astronomija se torganizza attività għall-pubbliku nhar il-Ħamis fl-Aħrax tal-Mellieħa (ħdejn il-kappella) li tibda fid-9.30 p.m. Membri tal-għaqda se jagħtu spjegazzjoni dwar is-sema bil-lejl u dwar il-Persejdi.
Il-pubbliku se jkun jista’ wkoll jittawwal mit-teleskopji li se jintramaw apposta. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lill-Għaqda fuq l-indirizz info@maltastro.org.