Il-Prim Ministru qal ukoll li filwaqt li l-Gvern ħa ħsieb lil dawk fil-bżonn, iddeċieda li t-taxxa m’għandhiex tintuża biex f’dan il-każ jiġi ssussidjat in-negozju.
“Lin-negozju m’għandniex nissussidjawh, iżda għandna ninċentivawh. Ikun ferm aktar għaqli li nġibu t-turisti milli noqogħdu nissussidjaw il-prezz tal-gass,” tenna l-Prim Ministru.
Gonzi tkellem dwar il-prezzijiet tal-mediċina u qal li s-Segretarju Parlamentari Chris Said, kien involut f’diversi diskussjonijiet mal-importaturi tal-mediċini biex jiġu diskussi l-prezzijiet. Qal li ftit tal-ġranet ilu kienet ippubblikata stqarrija li tgħid liema huma dawk il-mediċini speċifiċi li se jorħos il-prezz tagħhom. Filwaqt li qal li din kienet wegħda elettorali li nżammet min-naħa tal-Gvern, il-Prim Ministu qal li għad fadal iktar xi jsir.
“Aħna rridu li l-importatur ikompli jagħmel il-qligħ, però rridu prezzijiet ġusti għal ġid tal-konsumatur,” qal Gonzi.
Dwar l-investiment tal-ST Micro Electronics, Gonzi qal li din hija kumpanija importanti ħafna għall-pajjiż, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ importazzjoni u anke għall-fatt li tħaddem numru kbir ta’ nies. Qal li grazzi għall-investiment li sar, id-diretturi mhux biss urew fiduċja kbira f’dan il-pajjiż, iżda se jkomplu jġibu aktar xogħol ta’ valur miżjud.
Gonzi tkellem ukoll dwar il-qgħad, u qal li f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat ħarġet statistika li għandha tagħmlilna kuraġġ. Minkejja li għad fadal 7,000 persuna li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, skont Gonzi, din l-istatistika tindika li Malta miexja tajjeb ħafna meta kkomparat ma’ pajjiżi barranin.
Skont Gonzi, Malta rreġistrat żieda fl-ammont ta’ turisti, xi ħaġa li hija indikazzjoni tajba għall-futur. Qal li dan kollu ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda għax il-Gvern ħa d-deċiżjonijiet it-tajba avolja setgħu laqtu ħażin lil diversi nies. Gonzi qal ukoll li t-taxxa fuq ix-xogħol f’Malta hija fost l-inqas fl-Ewropa, filwaqt li r-rata tal-VAT f’Malta hija r-raba’ l-inqas meta kkomparat ma’ pajjiżi Ewropej.
Fid-diskors tiegħu, Gonzi rrefera wkoll għall-investiment fil-wind farms fis-Sikka l-Bajda u qal li bħalissa għaddejjin studji li qegħdin janalizzaw il-konsistenza tar-riħ li jgħaddi minn fuq din iż-żona. Tenna li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jiddependi fuq iż-żejt li jitla’ u jinżel u jagħti d-daqqiet lill-ekonomija.
Tkellem ukoll dwar il-laqgħa li kellu mal-President Napoletano, fejn saħaq li din kienet żjara importanti li wriet ir-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ naħat.
Dwar l-immigrazzjoni, Gonzi qal li d-doveri għandhom ikunu maqsumin bejn kulħadd għax Malta hija vulnerabbli f’din il-kwistjoni.