Il-Perit Joe Cassar, f’isem l-applikant, informa lill-Bord tal-MEPA li l-Awtorità tat-Turiżmu kienet se toħroġ Master Plan dwar il-Forti Sant Anġlu u għalhekk deċiżjoni dwar l-applikazzjoni setgħet tistenna.
Madankollu ċ-Ċermen tal-MEPA Austin Walker iddeċieda li l-vot jittieħed xorta waħda fejn b’mod unanimu l-applikazzjoni kienet rifjutata.
Il-batterija hija msemmija għal Francesco de Giurral, ammirall tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li flimkien man-nies tiegħu abbord ix-xini San Giovanni għarrqu diversi xwieni tal-għadu.
Id-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA kienet milqugħa “bi pjaċir” minn Fondazzjoni Wirt Artna fejn qalet li kieku ngħata l-permess kien ikun żball kbir kif ġara f’partijiet oħrajn tal-istess fortizza li ngħata lill-privat. Għalkemm qalet li l-fortizza tinsab f’“qagħda mitluqa”, hija sostniet li din tista’ tiġi rranġata.
Mario Farrugia, Ċermen Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, faħħar lill-MEPA talli minn meta ġiet riformata qiegħda tibda tpoġġi l-interessi tal-wirt storiku u dawk ambjentali ħafna iktar ’il quddiem. Skont hu, “jekk l-eżempju tal-lum jista’ jitqies bħala kejl għal dak li ġej allura dan jawgura tajjeb”.