It-Temp illum
 
illum:
L-Aħħar aġġornament sar: 29 ta' Gunju, 2010


Il-miżuri kollha għandhom ikunu
mmirati lejn il-ġlieda ta’ kontra l-faqar:
Muscat: m’aħniex se ninqatgħu mir-realtà

 

Il-faqar għandu jkun trattat fuq tliet pilastri. L-ewwel li l-Gvern m’għandux ikun hu stess li jżid il-faqar bil-politika tiegħu, fosthom bil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. It-tieni pi­lastru kontra l-faqar hi l-edukazzjoni, li hija ċ-ċavetta ewle­nija kontra l-faqar, u t-tielet pilastru huwa x-xogħol. Dawn it-tliet pilastri għandhom iku­nu fil-qafas ta’ servizzi soċjali sostenibbli li għandhom jindi­rizzaw ir-realtà tal-faqar.

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal dan meta lbieraħ kien qed iwieġeb mistoqsijiet mill-pubbliku fuq ONE Radio, waqt li rrefera għall-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li minnu rriżulta li 61% tal-pop­lu qed ibati biex ilaħħaq mal-ħajja prinċipalment minħabba l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, b’numru sostanzjali minnhom jgħidu li jaħsbu li dawn il-kontijiet qegħdin iżidu l-faqar.

B’rabta ma’ dan sostna li wie­ħed mill-impenji ewlenin tie­għu jekk jingħata l-fiduċja mill-poplu se jkun li l-ewwel nett jagħraf din il-problema, ma jinqata’ qatt mir-realtà, u li jittieħdu l-miżuri kollha mill-Gvern biex ma jħallu lil ħadd jingħalaq f’torri tal-avor­ju fejn mingħalina li qed jiġri xi ħaġa fil-pajjiż u fir-realtà jkun qed jiġri bil-maqlub.

Dak kollu li jagħmel Gvern Laburista għandu jkun immirat biex intejbu l-kwalità tal-ħajja u ma nistħux ngħidu li se niġġieldu l-faqar f’pajjiżna, saħaq il-Mexxej Laburista.



Gonzi jgħid li n-nies qegħdin jimmaġinaw

Huwa qal li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi mhux jirrikonoxxi li hawn nies f’Malta li qegħdin jgħixu f’sitwazzjoni diffiċli u minflok jgħid li dawn in-nies qegħdin jimmaġinaw il-problemi tagħhom meta qal li jrid jindirizza l-“perċezzjoni” tal-faqar. Din kienet dikjarazzjoni xokkanti għall-insensittività tagħha għax il-Prim Mi­nis­tru mhux jifhem li hawn nies, inkluż fil-klassi medja, li qed jitnaqqrilhom il-livell tal-għajxien tagħhom bid-deċiż­jo­nijiet tal-Gvern stess.

Semma kif kien hemm persuni oħrajn li huma ’l fuq mill-politika li rrikonoxxew din il-problema ta’ faqar fost­hom Monsinjur Victor Grech u anke l-President tar-Richmond Foundation Doris Gauci li qalet li hemm ċerti ‘policies’ tal-Gvern li qegħdin iwasslu għal esklużjoni soċjali u fa­qar.

Dr Muscat tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja u qal li dan u x-xogħol huma marbutin flimkien. Fakkar li qabel il-baġit l-għaqdiet ta’ min iħaddem joħorġu jitkellmu dwar il-kumpens għall-għoli tal-ħajja u li dan jhedded l-impjiegi. Dan għax min iħaddem qed ikollu jassorbi ż-żieda fl-għoli tal-ħajja u dan qed inaq­qas il-kompetittività.

Semma kif minn statistika tal-għoli tal-ħajja jirriżulta li għal kull €100 li l-familji kie­nu jonfqu s-sena l-oħra, illum qegħdin jonfqu €127.



Deċiżjonijiet tal-Gvern qegħdin inaqqsu l-kompetittività

Il-Mexxej Laburista sostna li d-deċiżjonijiet tal-Gvern qegħdin iwasslu għal tnaqqis fil-kom­petittività ta’ pajjiżna u qegħ­din jipperikolaw ix-xogħol. Dan kollu qed iwassal għal żieda fix-xogħol prekarju.

“Irridu nagħtu ‘fair deal’ lil kulħadd, ma rridux li dejjem l-erbat iħbieb ta’ ġewwa nett li jafu lil xi ħadd biss igawdu. Aħna rridu soċjetà ġusta fejn kul­ħadd jerfa’ li jiflaħ u jieħu li ħaqqu.”

Dr Muscat kompla jgħid li kuntrarjament għall-kritika tal-Gvern, il-Partit Laburista kon­tinwament qed iressaq diversi proposti konkreti mhux biss fil-qasam tal-għoli tal-ħaj­ja, l-immigrazzjoni, ix-xogħol u l-ekonomija, imma wkoll fil-qa­sam ambjentali ta’ pajjiż­na.

Irrefera għall-proposti mress­qin fil-Parlament biex il-MEPA tkun skrutinata f’kumitat parla­mentari li jkun immexxi mill-Oppożizzjoni, li jkun hemm se­parazzjoni bejn l-entità tal-ambjent u l-ippjanar, u li na­dot­taw il-kunċett modern ta’ ‘spatial planning’.

Fl-istess ħin spjega li kienet biss il-proposta tal-‘ispatial planning’ li ntlaqgħet mill-Gvern u li issa qed jipprova jieħu l-mertu tagħ­ha. Proposta oħra mressqa mill-Oppo­żizz­joni kienet dik fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart fejn il-kunċett ta’ min iħammeġ iħal­­las ikun estiż ukoll għall-Gvern.



Spinta lit-turiżmu f’Għawdex

Dr Muscat qal li bħalissa l-Partit Laburista qed jaħdem fuq numru ta’ proposti biex is-settur turistiku jingħata spin­ta fil-gżira Għawdxija. Irrimar­ka li mill-banda l-oħra l-Gvern għadu jikkunsidra lil Għawdex bħala piż m’għonq pajjiżna, u waqt li saħaq li din hija attitudni telliefa, sosta li Għawdex jista’ jkun mutur ekonomiku li mhux biss jiġġenera x-xogħol għall-Għawdxin imma wkoll għall-Maltin.

Il-Mexxej Laburista qal li ċ-ċa­vetta għas-sigriet tas-suċċess f’pajjiżna huwa t-turiżmu u jekk immexxuh ‘il quddiem f’Għawdex jinħoloq ix-xogħol li jkun ta’ kwalità. Xogħol li jkun aħjar u ffokat fuq dak is-settur fejn illum qegħdin inħossu nuqqas u llum dan is-settur huma ż-żgħażagħ Għawdxin.


Dr Muscat qal li l-Partit Labu­rista jieħu gost li se jkun hemm żieda fin-numru ta’ turisti fuq is-sena li għaddiet. Imma insis­ta li mhux aċċetabbli li nitfgħu it-tort tal-problema fit-turiżmu fuq il-lukandiera. Għax kif qalu l-istess lukandiera l-konti­jiet tad-dawl u tal-ilma qegħdin joħolqu inċertezza sħiħa f’dan is-settur u dan ġej mill-fatt li s’issa għadhom ma rċe­vewx il-kontijiet. Dan hu l-in­kwiet prinċipali u kwalunkwe żieda li se jkun hemm fit-turiż­mu se tkun imħassra bil-konti­jiet tad-dawl u tal-ilma.

Esprima wkoll tħassib ta’ nkwiet għall-ħaddiema tal-Air­Malta u qal li l-problemi tal-Airmalta ma ġabuhomx il-ħaddiema imma min ħa deċiż­jo­nijiet ħżiena bħalma kienet dik dwar ix-xiri tal-RJ70s. Dr Muscat irrikonoxxa l-ħafna sagrifiċċji li għamlu l-ħaddiema tal-AirMalta, fosthom bil-friża tal-pagi.



Il-logħob tal-futbol

Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tax-xandir tal-logħob tal-futbol tat-Tazza tad-Dinja li għaddiet, meta d-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewro­pew kienet għamlet kisba kbi­ra għall-konsumaturi Maltin.

Huwa qal li l-qasam diġitali suppost għandu jwassal għal aktar għażla bi prezz aħjar. “L-MCA, ir-Regolatur, irid jassigura li mhux se nidħlu fi froġa aktar minn qatt qabel. Dan meta kellna d-drittijiet tal-futbol li marru mingħand kumpa­nija għal oħra. Jidher li t-taħditiet fallew bejn iż-żewġ kumpa­niji biex jaqsmu l-partiti flimkien u issa jrid jara l-leġisalatur x’se jagħmel.”

Il-Mexxej Laburista qal li r-re­golatur missu ra dawn il-problemi snin ilu u ppropona leġislazzjoni biex din is-sitwazzjoni ma tirriżultax. Is-sitwazz­joni kienet tkun aktar tras­pa­renti u ta’ serħan il-moħħ għall-konsumatur.

“Kont ili snin nitkellem fuq din il-kwistjoni imma r-Regolatur qatt ma kkunsidra dak li konna qed ngħidu biex issa għandna din il-problema. Din sitwazzjoni li kienet prevedibbli u setgħet tkun evitata”, saħaq Dr Muscat.



Proposti għall-korpi dixxiplinati

Semma’ kif il-Partit Laburista qed iħares lejn proposti biex ikunu indirizzati d-diversi anomaliji fil-pensjonijiet tal-membri tal-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna. Għal darb’oħra tenna wkoll il-proposta tal-Partit Laburista li membri tal-kor­pi dixxiplinati jingħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin, mingħajr id-dritt tal-istrajk bħalma hemm f’pajjiżi membri oħrajn fl-Unjoni Ewropea.



Moll mal-power station

Dr Muscat staqsa wkoll dwar rapporti li dehru fil-ġurnali li mal-power station il-ġdida se jinbena moll, ‘shipping terminal’, biex l-iskart perikoluż ikun maħżun u jitlaq mill-power station stess lejn fejn se jkun esportat. Huwa staqsa jekk hux se jkun hemm tender għal dan, kemm se jiġi jiswa jew jekk dan kienx miftiehem li jsir fil-kuntratt.

 

   

Oħrajn
 
 

kull dritt riservat: Ahbarijiet Maltin