Fl-istess laqgħa ntqal li titjib fil-proċedura tas-separazzjoni jfisser tnaqqis tat-trawma fuq it-tfal u jfisser ukoll investiment għall-ġejjieni. L-Ispettur tal-Pulizija Sandro Camilleri stqarr li ħafna każi li jidhru quddiem il-Qorti tal-Minuri huma marbutin ma’ każi ta’ separazzjoni tal-ġenituri. Dan jirrifletti l-konklużjoni tal-ħames rapport dwar il-Qorti tal-Familja li jgħid: “Dak li l-Istat ma jagħmilx biex inaqqas kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tat-trawma fi stadju bikri, l-Istat ikollu jħallas għalih meta t-tfal isiru adulti”.
Il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali għamel żewġ laqgħat fejn dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Familja flimkien mal-pubbliku kien mistieden jagħmel il-proposti tiegħu jew jikkummenta fuq il-ħames rapport dwar il-Qorti tal-Familja. Fost dawk li attendew għal dawn il-laqgħat kien hemm il-Kummissarju għat-tfal, ħaddiema soċjali, pulizija, avukati, medjaturi kif ukoll uffiċjali mill-Qorti tal-Familja.
Il-Kummissarju tat-Tfal qalet li fil-Qorti tal-Minuri diġà teżisti prattika tajba fejn jidħlu l-minorenni u din il-prattika tista’ tiġi applikata wkoll għall-Qorti tal-Familja. Il-Qorti tal-Familja tista’ wkoll tuża din il-prattika fejn, bħala proċedura u mhux jekk jiddeċiedi l-Imħallef, jidħlu l-ħaddiema soċjali biex jissaħħaħ aktar l-irwol tat-tfal fil-Qorti tal-Familja. Sar appell ukoll minn persuni preżenti li għaddejjin mill-esperjenza ta’ separazzjoni fejn saħqu li anke l-ambjent tal-Qorti tal-Familja mhuwiex addattat għall-preżenza tat-tfal. Jeħtieġ li l-ambjent ikun aktar ‘child friendly’ biex it-tfal iħossuhom aktar komdi.
Anke l-istruttura tal-Qorti tal-Familja mhux qiegħda tgħin biex it-tfal ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom. F’dan ir-rigward il-Kummissarju tat-Tfal stqarret li jista’ jkun hemm allokazzjoni ta’ ħin fejn jinstemgħu t-tfal biss. Dr Fransina Abela stqarret li jeħtieġ li jkun hemm aktar kontabbiltà fil-proċeduri tal-Qorti biex ma jkunx hemm dewmien żejjed fil-proċess li jwassal għal separazzjoni. Kien ukoll suġġerit minn dawk preżenti li ma jistax ikun li kawża ddum ma tinqata’ għal numru ta’ snin. Jeħtieġ li jkun hemm limitu ta’ kemm proċess ta’ separazzjoni għandu jdum quddiem il-Qorti tal-Familja.
Sar aċċenn għall-fatt li l-każi ta’ separazzjoni huma każi sensittivi u jirrikjedu privatezza assoluta. Kien hemm messaġġ qawwi minn fost il-pubbliku li l-preżenza tat-tielet persuna fil-Qorti tal-Familja qiegħda żżid it-tensjoni. Dr Emmy Bezzina stqarr ukoll li ma jaqbilx mal-prattika li l-kuntratt tas-separazzjoni jsir kuntratt pubbliku b’riżultat li l-poplu ġenerali jkollu aċċess għal dan il-kuntratt.
Dwar l-introduzzjoni tal-fażi ta’ ‘family therapy’ qabel il-fażi tal-medjazzjoni, il-medjaturi qalu li għalkemm l-ewwel tentattiv tagħhom hu r-rikonċiljazzjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każi dan qed ikun tard wisq. Sina Buġeja stqarret li l-proċess ta’ medjazzjoni kif inhu llum jidħol tard wisq fil-proċedura tas-separazzjoni. Il-medjaturi saħqu wkoll li huma mhumiex ‘family councillors’ u xogħolhom hu li ssir separazzjoni bejn il-koppja bl-aħjar mod possibbli. Kien hawn fejn ġie ssuġġerit li qabel il-proċess tal-medjazzjoni, il-koppja tkun marret għal ‘family therapy’ biex tkun mgħejjuna fir-rikonċiljazzjoni.
Kien hemm diversi kummenti minn dawk preżenti li saħqu li t-tfal huma l-aktar li jbatu meta l-ġenituri jisseparaw. Għalhekk ir-rwol tal-Kummissarju tat-Tfal għandu jissaħħaħ biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tat-tfal fil-proċess tas-separazzjoni tal-ġenituri. Yvonne Mallia mill-Appoġġ saħqet li l-liġi għandha tippermetti lill-Kummissarju tat-Tfal biex l-Uffiċċju jkun jista’ jinvestiga fil-proċess ta’ separazzjoni. Dan għax l-Appoġġ tirċievi diversi lmenti fuq kemm id-drittijiet tat-tfal qegħdin jiġu ssalvagwardjati f’dawn il-proċessi.
Dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-ħaddiema soċjali fil-proċess ta’ separazzjoni u l-Qorti tal-Familja, kien issuġġerit li l-ħaddiema soċjali jkunu involuti mill-bidu nett anke meta jkun hemm ir-rapporti fl-għassa tal-pulizija. L-Ispettur Graziella Muscat saħqet fuq l-importanza tar-rwol tal-ħaddiema soċjali. Huwa importanti li s-servizz tal-ħaddiema soċjali jkun disponibbli l-ħin kollu. Kemm dwar il-proposti fuq ir-rwol aktar wiesa’ tal-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal, kif ukoll il-bżonn li s-servizz tal-ħaddiem soċjali jkun disponibbli l-ħin kollu. Helen D’Amato, il-Kummissarju tat-Tfal, u Sina Buġeja stqarrew li dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm żieda fir-riżorsi umani.
Messaġġ ieħor importanti huwa li għandu jkun hemm moniteraġġ wara li tinqatà l-kawża tas-separazzjoni jew inkella wara li jiġi ffirmat il-kuntratt. Dan għandu jsir bħala parti mill-proċedura tal-Qorti u mhux b’deskrizzjoni tal-ġudikatura. Il-Kummissarju tat-Tfal saħqet li ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jinbidlu u għaldaqstant jistgħu jinqalgħu xi problemi f’xi żmien wara li l-kuntratt jiġi ffirmat.
Għalhekk jekk ikun hemm moniteraġġ fuq il-partijiet, speċjalment meta jkun hemm it-tfal, dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu indirizzati b’anqas diffikultà. Minbarra hekk, moniteraġġ ikun ifisser ukoll nuqqas t’abbuż tal-kuntratt jew sentenza minn xi parti. Ġenitur staqsa x’garanzija hemm li l-manteniment qiegħed imur għall-bżonnijiet tat-tfalu għalkemm qali hemm għalhekk il-bżonn ta’ moniteraġġ fuq il-każi ta’ separazzjoni.
Il-Kummissarju tat-Tfal stqarret kemm hu importanti li ma nħallux barra t-tfal b’diżabbiltà fejn id-dipendenza tagħhom ma tieqafx mat-18-il sena. Għalhekk m’għandux ikun hemm limitu ta’ età fejn ikun hemm persuni b’diżabbiltà fejn jidħol manteniment. Kien suġġerit ukoll li l-limiti ta’ età sa fejn ikun hemm l-obbligu li jingħata l-manteniment titwal f’każijiet ġenwini fejn l-ulied ikunu jridu jibqgħu jistudjaw.
Dawk preżenti qablu wkoll fuq l-importanza li s-soċjetà tħejji b’mod aħjar lill-koppji qabel jagħmlu l-pass taż-żwieġ. F’dan ir-rigward ic-Ċermen tal-Kumitat, Edwin Vassallo qal li l-midja wkoll għandha rwol importanti fil-messaġġ li qiegħda tgħaddi lis-soċjetà tagħna.
Għal-laqgħat ipparteċipaw ukoll il-Membri Parlamentari Edwin Vassallo (Ċermen), Fredrick Azzopardi, Justyne Caruana, Michael Farrugia, Michael Gonzi, Peter Micallef u Anthony Zammit.
|