It-Temp illum
 
illum:
L-Aħħar aġġornament sar: 27 ta' Awissu, 2010


L-akbar inkwiet għall-Maltin huma l-enerġija u l-inflazzjoni

 

Mil-lat personali, l-ikbar uġigħ ta’ ras għall-maġ­ġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin hija l-inflazzjoni jew l-għoli tal-ħajja, waqt li għal ħafna aktar minn terz minnhom, l-akbar inkwiet hija l-kwistjoni tal-enerġija, speċjalment il-kontijiet dejjem jiżdiedu tad-dawl u l-ilma.

L-inflazzjoni u l-enerġija huma wkoll meqjusin bħala l-aktar kwistjonijiet jaħarqu li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħhom.

Dan jirriżulta mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika organizzat mill-UE, magħruf bħala l-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2010, li sar bejn il-5 u t-28 ta’ Mejju, 2010, permezz ta’ intervista wiċċ imb’wiċċ u li r-riżultati tiegħu kienu ppubblikati l-bieraħ mill-Kummissjoni Ewro­pea.

Waqt li għall-bqija tal-Ewropej, l-oqsma ewlenin ta’ tħassib kienu l-qgħad (48%), il-qagħda ekonomika (40%), l-għoli tal-prezzijiet (20%) u l-kriminalità (16%), il-Maltin kienu tal-fehma li l-aktar oqsma ta’ tħassib għal pajjiżna huma l-enerġija u l-prezzijiet dejjem jogħlew tad-dawl u l-ilma (42%), l-għoli tal-prezzijiet (34%), il-qagħda eko­no­mika (28%), l-im­mig­razzjoni (24%) u l-ambjent (12%).

Bħala medja, l-Ewropej jemmnu li tal-akbar tħassib għalihom mil-lat personali huwa l-għoli fil-prezzijiet (38%), il-qagħda ekonomika (25%), il-qgħad u n-nuqqas ta’ xogħol (21%), waqt li personalment il-Mal­tin jinkwetaw l-aktar minħabba l-għoli fil-prezzijiet (54%), il-kontijiet tad-dawl u l-ilma (39%), il-qagħda ekonomika (17%) u l-qgħad (11%).

Skont l-istess stħarriġ, 66% tal-Maltin jemmnu li l-qagħda ekonomika nazzjonali ta’ pajjiżna hija mill-aktar ħażina waqt li kienu biss 28% li jaħsbu li din hija tajba.

B’sitt punti perċentwali inqas, il-Maltin jaħsbu li l-qagħda ekonomika tal-Unjoni Ewropea tinsab fl-istess qagħda. Dan wassal biex 62% tal-Maltin jiddikjaraw li l-qagħda tal-impjiegi f’Malta hi waħda għal kollox ħażina.

Għad-domanda dwar kif jaħsbu li se tkun il-qagħda ekonomika ta’ Malta fit-12-il xhar li ġejjin, 27% biss wieġbu li din se tkun aħjar, waqt li 31% jemmnu li din se tibqa’ fl-istess ilma u 24% wieġbu li din se tmur għall-agħar.

Dwar il-qasam tal-impjiegi u x-xogħol, 36% jgħidu li kollox se jibqa’ l-istess waqt li 21% jemmnu li din se tkun ħażina u 25% huma tal-fehma li l-affarijiet se jmorru għall-agħar.

Għall-istess domanda, iżda mil-lat personali, 58% jem­m­nu li l-qagħda finanzjarja tagħhom se tibqa’ l-istess, 17% jibżgħu li din se tmur għall-agħar u kienu biss 15% li qegħdin jittamaw li din se titjib.

Anke fejn jidħol l-impjieg tagħhom, kienu biss 12% li wieġbu li jittamaw li din se tkun aħjar milli hi, waqt li 8% qalu li din se tmur għall-agħar. Għal 56%, il-qagħda fl-impjieg tagħhom x’aktarx se tibqa’ kif inhi.

Fejn tidħol is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, 47% tal-Maltin intervistati jemmnu li dan kien pass tajjeb waqt li 60% huma tal-fehma li Malta bbenefikat mis-sħubija. Inte­ressanti l-fatt li waqt li 54% tal-Maltin jafdaw fl-Unjoni Ewropea, kienu biss 33% li għandhom l-istess fiduċja fil-Parlament Nazzjonali u fil-Gvern Malti.

Kien hemm 33% tal-Maltin li jemmnu li l-Unjoni Ewropea tinsab f’qagħda li tieħu l-azzjonijiet effettivi kontra l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, waqt li l-istess persentaġġ jgħidu li dan jista’ jagħmlu l-Gvern Malti. Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin – 80% – jaħsbu li Malta tinħtieġ aktar riformi biex tiffaċċja l-futur. Dwar xi strateġija għandha tkun adottata għall-futur, 90% tal-Maltin jemmnu li dawk foqra u soċjalment esklużi għandhom ikunu mgħejjunin biex jieħdu sehem attiv fis-soċjetà, waqt li l-istess persentaġġ ta’ Mal­tin jridu li jkun hemm titjib fil-kwalità fis-sistema edukattiva għolja tal-UE biex din tkun tappella aktar. Kien hemm ukoll 87% li jixtiequ jaraw is-suq tax-xogħol aktar mo­dernizzat biex jogħla l-livell tal-impjieġi, 80% iridu jaraw appoġġ akbar għall-ekonomija li tuża inqas riżorsi naturali u li tiġġenera inqas gass tas-serra.

 

   

Oħrajn
 
 

kull dritt riservat: Ahbarijiet Maltin