It-Temp illum
 
illum:
L-Aħħar aġġornament sar: 19 ta' Awissu, 2010


Kundanna għall-kummenti li
saru mis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM

 

Il-Forum Unions Maltin ikkundanna l-kummenti li ngħataw lill-ġurnal lokali bl-Ingliż mis-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, Gejtu Vella, meta dan fetaħ attakk fuq l-istess FOR.U.M. kif ukoll fuq il-President tiegħu u anke kontra l-mod ta’ kif qiegħed jimxi l-Gvern biex jipprova jsib soluzzjoni dwar il-formazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Is-Segretarju Ġenerali tal-Forum Unions Maltin, Paul Pace qal li Gejtu Vella “issa ilu snin twal jattakka lil sħabu trejdunjonisti bħalu meta dan ma jaqbilx magħhom. Hekk għamel fil-ġranet qabel l-akbar manifestazzjoni li qatt saret mill-ħaddiema Maltin u Għawdxin meta dawn ipprotestaw kontra t-tariffi esaġerati u bla sens tad-dawl u l-ilma. F’dawk il-ġranet dan il-“mexxej” attakka sħabu mexxejja ta’ unjins oħrajn bi kliem dispreġġjattiv u insolenti u pprova wkoll iwaqqagħhom għar-redikolu. L-ebda mexxej predeċessur ta’ Gejtu Vella fil-UĦM ma qatt niżel f’dan il-livell”.

Iżda issa Gejtu Vella deherlu li għandu wkoll jattakka lill-Gvern għax dan qiegħed jipprova jfittex soluzzjoni permezz ta’ djalogu mal-Imsieħba Soċjali fl-MCESD, biex il-Forum Unions Maltin u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex isibu posthom bi dritt f’dan il-Kunsill.

“Gejtu Vella, il-“mexxej” tal-UĦM saħansitra qiegħed jakkuża lill-Gvern li qiegħed jagħmel “il-preferenzi!” Donnu Gejtu Vella jrid inessi li l-FOR.U.M ilu jitlob biex jissieħeb fl-MCESD għal dawn l-aħħar sitt snin,” qal Paul Pace waqt li kompla jisħaq li “issa ż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma u jidher biċ-ċar li Gejtu Vella, il-‘mexxej’ qiegħed jagħmel kull reżistenza possibbli biex il-FOR.U.M u oħrajn jibqgħu barra mill-MCESD.”

Pace qal ukoll li Gejtu Vella donnu jrid inessi li llum hawn Federazzjoni li tħaddan aktar minn 12,000 ħaddiem u li tista’ tagħti kontribut f’ħafna oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, turiżmu u l-qasam bankarju.

“Trejdunjonista bħal Gejtu Vella, bl-istil ostili tiegħu jista’ jagħmel ħsara lill-Gvern biss għax l-Op­po­żiz­zjoni diġà għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara permezz ta’ ‘private members’ bill’ li se titressaq dalwaqt fil-Parlament dwar tibdil li jeħtieġ isir fil-liġi li biha twaqqaf l-MCESD biex tirrefletti ż-żminijiet tal-lum. Il-FOR.U.M m’għandu l-ebda dubju li l-Gvern mhux se jħalli lil ħadd min jagħmlu ostaġġ!,” qal Paul Pace.

Iżda, huwa kompla jgħid, l-ironija tispikka meta Gejtu Vella jakkuża lill-President tal-FOR.U.M li dan ried iġib u qiegħed iġib firda fost il-unjins. “Din tassew ħaġa st­ram­ba meta wieħed jiftakar li l-President tal-FOR.U.M, John Bencini, permezz tal-Unjin tiegħu, l-MUT, kien organizza laqgħa għall-unjins kollha sentejn ilu bl-iskop li jingħaqad il-moviment trejdunjonistiku u Gejtu Vella kien l-ewwel wieħed li rrifjuta għax qal li mhux l-aġenda tiegħu l-għaqda bejn il-unjins, anzi stqarr li l-kompetizzjoni bejn il-unjins hi ta’ ġid għall-ħaddiema!

“Fil-fatt twaqqfet l-Għaqda Unions Maltin minkejja li Vella, irrifjuta li jattendi. Il-poplu b’dritt ikun jaf min qiegħed iġib il-firda bejn it-trejdu­njins,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-FOR.U.M.


 

   

Oħrajn
 
 

kull dritt riservat: Ahbarijiet Maltin