Hekk kif tidħol fis-sit inkwistjoni, l-ewwel ma jilqgħuk huma kliem li hemm miktubin fuq nett li jgħidu “Id-Dehriet tas-Sinjura ta’ Borg in-Nadur”. Il-kelma “Sinjura” hija referenza ċara għall-Madonna.
L-aħħar messaġġ li hemm f’dan is-sit iġib id-data tat-8 ta’ Awwissu li għadda, fejn din id-darba, il-Madonna għaddiet messaġġ mix-Xewkija f’Għawdex. F’dan il-messaġġ partikolari, il-Madonna qalet hekk: “Ersqu lejn Ibni Ġesù, uliedi. Hu kuljum permezz tas-saċerdoti, jersaq qrib tagħkom. U tarawh ta’ spiss ukoll, uħud minnkom, fuq il-pala ta’ id Angelik. Iva, qed jiġi apposta għalikom għax irid jitħallat magħkom. Ħafna minnkom ma jersqux lejn il-Knisja. Għalhekk qed jiġi hawn, għax irid li Hu jersaq lejkom. Irid jgħix fikom u qrib tagħkom.”
Il-Madonna kompliet tgħid, “Iva, uliedi, itolbu għal xi persuni li l-Knisja għandha bżonnhom ħafna biex dawn il-magħżulin tiegħi jressqu lin-nies lejn is-saċerdoti u lejn l-Ewkaristija. Iva, uliedi, hawn minnhom qegħdin fostkom. Itolbu ħafna għalihom.
“U nixtieqkom ukoll titolbu għal dawk li hemm madwar Angelik, għat-Theotokos, ħalli jissaħħu huma bejniethom, ħalli wara jkunu jistgħu jsaħħu lilkom, uliedi. Jien għażilthom apposta għalija, għalikom u għall-Knisja. Dawn huwa rigal għalikom, biex intom tistgħu titgħallmu minnhom. U anke, huma wkoll rigal għall-Knisja għax bl-eżempju tagħhom iridu jgħinu u jibdlu l-Knisja.”
F’dan il-messaġġ il-Madonna tkellmet ukoll dwar is-serq u qalet hekk: “Dawk li stagħnew ħafna, dawk li għandhom ġid li lanqas biss jafu minn fejn se jibdew jgħodduh – kollox ġabu bis-sewwa jew ġie b’xi inganni? Jew forsi biex stagħnew huma bata ħaddieħor? Mhux ħaġa kbira uliedi. Is-serq li jsir minn fuq il-postijiet tax-xogħol, xi tgħidu għalih uliedi? Tgħidu: ‘U dak għandu ħafna. Mhux se jħossha. Il-farka tiegħi se jħoss? Lanqas biss jaf x’għandu!’
“Iva, uliedi, dan serq. Dan kollu tridu trodduh lura. Għalxejn tmorru tqerru jekk ma terġgħux trodduh lura. Li mhux tagħkom, mhux tagħkom. Kif għandek il-jedd li taqbad u tieħu int? Trid li xi ħadd jeħodlok xi ħaġa minn tiegħek?
“Intom tgħidu; jien ma għandix ħafna x’jista’ jeħodli! Dan għandu! Uliedi, min fostkom qiegħed hawnhekk u b’mod speċjali seraq lil ħuh jew lil oħtu biex stagħna hu, u qarraq, min fostkom seraq affarijiet minn fuq il-post tax-xogħol, qisu li ma tibqgħux hekk. U tinsewx, tridu troddu lura. Għalhekk bagħatni hawn illejla Ibni Ġesù, ukoll. Iva, uliedi, għalhekk, biex inneħħilkom il-għamad minn quddiem għajnejkom. Forsi m’intomx tindunaw li qegħdin tiżbaljaw.”
Għal darb’oħra, il-Madonna temmet il-messaġġ tagħha billi qalet, “Grazzi uliedi, talli smajtu s-sejħa tiegħi.”
Dan kien it-tieni messaġġ tal-Madonna li ttella’ fuq dan is-sit. L-ewwel messaġġ tal-Madonna jġib id-data tal-4 ta’ Awwissu, u kien sar f’Borg in-Nadur.
Dakinhar “Is-Sinjura” kienet qalet li fil-post “dalwaqt tinħoloq in-nixxiegħa tal-ilma minn hawn fuq. Hi stess toħloq mogħdija minn fejn tgħaddi, u hi stess tirriserva ruħha. Iva, dan l-ilma se jibqa’ jiġi għal xi żmien, kif għedtilkom.
“Jieqaf u jerġa’ jibda ġej. Iva, permezz tiegħu se jibdew ifiqu ħafna nies u l-ilma ma jinfetta ruħu qatt. Ħaġa waħda biss ngħidilkom, uliedi: dan l-ilma qatt ma jista’ jiġi mibjugħ, qatt! Inkella jieqaf.”
Dwar dawn l-allegati messaġġi l-orizzont kien ikkuntattja lill-kelliem tal-Knisja Maltija. Il-kelliem kien qalilna li l-pożizzjoni tal-Knisja f’dawn il-każi hi li tosserva, tiġbor l-informazzjoni, tagħmel dixxerniment spiritwali, tikkonsulta mal-esperti u tirrelata lill-Kongregazzjoni kompetenti tas-Santa Sede.
L-istorja ta’ Borg in-Nadur kienet bdiet f’Jannar tal-2006, meta fuq wiċċ statwa tal-Kunċizzjoni li mart Angelik kienet xtrat ftit tal-jiem qabel dehru dawk li ġew deskritti bħala “dmugħ tad-demm”. Kien tliet xhur wara, meta allegatament il-Madonna għamlet l-ewwel deherha tagħha lil Angelik.
Skont l-istess sit, dawn l-allegati dehriet għadhom għaddejjin sal-lum. Min-naħa l-oħra, fuq is-sit youtube, wieħed jista’ jsib diversi filmati ta’ Angelik fuq l-għolja ta’ Borg in-Nadur.
Filmat partikolari juri li fit-18 ta’ Lulju ta’ tliet snin ilu, ħarġet xewka minn ħalq Angelik.
Il-filmat juri lil x’ħin seħħ dan kollu, Angelik kien imdawwar b’numru ta’ nies.
Wara li ħarġet din ix-xewka dawk preżenti bdew ikantaw l-“Ave Marija”.
Filmat ieħor fuq youtube juri li nhar id-9 ta’ Lulju tal-2008, Angelik beda jistabat mal-art, wara li allegatament kien attakkat mix-Xitan. Filmat ieħor juri li fit-13 ta’ Lulju tal-2008, Angelik kellu viżjoni tal-infern.
Allegatament kull nhar ta’ ġimgħa – il-ġurnata li fiha Kristu għadda mill-passjoni u miet – fuq il-ġisem ta’ Angelik bdew jitfaċċaw il-pjagi ta’ Kristu.
Huwa allegat li mill-istess pjagi ġieli toħroġ fwieħa ta’ ward u balzmu.