Bejn illum u nhar it-Tnejn, il-kadavru tal-eks-President ta’ Malta se jkun espost għall-aħħar tislima mill-pubbliku fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta. Għaldaqstant dalgħodu jitlaq il-korteo funebri mill-Isptar Mater Dei u fi triqtu lejn il-Palazz, għall-ħabta tad-9.00 a.m., mistenni jgħaddi minn quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà u dak il-ħin se tingħata trażmissjoni diretta fuq l-istazzjon Net Television.
Il-Partit Nazzjonalista qed jilqa’ l-kondoljanzi fil-‘foyer’ tad-Dar Ċentrali fejn il-pubbliku jista’ jmur jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi.
Huwa mistenni li l-korteo jasal f’Misraħ San Ġorġ, il-Belt, għall-ħabta tal-11.00 p.m., fejn it-tebut imbagħad jitħalla espost għall-pubbliku f’waħda mis-swali tal-Palazz sa nhar it-Tnejn qabel il-funeral. Kif huwa xieraq, mal-wasla tat-tebut bil-kadavru tal-President Emeritus se jkun il-President ta’ Malta George Abela l-ewwel li jmur jagħtih l-aħħar tislima fil-Palazz.
Fil-jum tal-Funeral Statali, it-Tnejn kmieni waranofsinhar imbagħad jibda l-korteo minn quddiem il-Palazz tal-President li jgħaddi minn Triq ir-Repubblika. Wara li jintemm is-servizz funebri fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann il-korteo jissokta sal-Monument tal-Gwerra fil-Floriana, fejn il-funeral imbagħad ikompli b’mod privat saċ-Ċimiterju tal-Addolorata fejn se ssir id-difna.
Il-Professur Guido de Marco miet il-Ħamis fl-Isptar Mater Dei fl-4.18 p.m., fl-età ta’ 79 sena. L-aħbar tal-mewt tiegħu ħasdet lill-poplu għax ġrat proprju jumejn wara li kien ħareġ mill-isptar u deher li rkupra minn kumplikazzjonijiet li żviluppawlu wara li fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kien sarlu intervent fil-qalb. Iżda l-Ħamis waranofsinhar ħassu ħażin fir-residenza tiegħu f’Tas-Sliema u kellu jerġa’ jiddaħħal b’urġenza l-isptar fejn miet ftit tal-ħin wara.
Il-President ta’ Malta George Abela ddeskrivieh bħala politiku, statista u ġentlom li ħadem għal Malta u għamel isem għal pajjiżna anke barra minn xtutna. Dejjem fittex li jgħaqqad lill-poplu Malti u jibqa’ mfakkar għall-kontribut siewi biex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
“Kull meta konna niltaqgħu dejjem kien jirreferi għalija bħala “l-President tiegħi” u jien kont inwieġbu lura “l-Professur tiegħi”,” qal il-President Abela b’referenza għall-fatt li hu kien student tal-Professur de Marco fil-klassi tal-kriminal fl-Università u żied jgħid li l-gost tiegħu kien li jara li l-istudenti tiegħu javvanzaw.
L-aħħar kliem li qallu meta mar iżuru l-isptar kien biex jibqa’ jagħmel il-ġid ħalli l-Presidenza tkun ittimbrata hekk.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li nzerta fuq btala privata barra l-pajjiż u mistenni jiġi lura għall-funeral, qal li Malta tilfet wieħed mill-aqwa personalitajiet li gawda rispett f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta fid-diversi karigi li kellu.
Il-Prim Ministru żied jiddeskrivi lil Guido de Marco bħala personalità intelliġenti, qalbu miftuħa għal kulħadd u bniedem ta’ viżjoni.
Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat iddeskriva lill-Professur de Marco bħala politiku formidabbli li kien jaf jorqom id-diskors u soċjalment jolqtok għall-umanità tiegħu.
Minkejja li politikament kien jimmilita fil-kamp oppost, minn żmien għal ieħor fih instab interlokutur li miegħu wieħed seta’ jiddjaloga għall-aħjar ġid ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li fit-terminu tiegħu bħala President tar-Repubblika, Guido de Marco kompla jsaħħaħ is-sens tal-istat.